Dikjarazzjoni maħruġa mill-Kunsill Kostitwenti għas-Sistema Federali f’Rojava/is-Sirja tat-Tramuntana

Lill-opinjoni pubblika reġjonali u globali, u dik Sirjana

B’risposta għall-appell li sar mill-Koordinazzjoni Ġenerali taż-Żoni Awto-amministrattivi Demokratiċi (Al Jazira, Kobane u Afrin), iltaqgħu il-forzi politiċi, il-partiti, u l-organizzazzjonijiet soċjali kollha f’dawn ir-reġjuni u fir-reġjuni meħlusa minn organizzazzjonijiet terroristiċi (El Chahba) bil-għan li jilħqu perspettiva politika globali għar-risolviment tal-kriżi Sirjana. Aħna, ir-rappreżentattivi ta’ dawn ir-reġjuni, iltqajna mis-16 sas-17 ta’ Marzu 2016. Fakkarna b’rispett kbir u apprezzament lill-martri tal-popli tagħna, li qegħdin jiktbu b’demmhom u s-sagrifiċċji tagħhom l-iktar reżistenza erojka fl-istorja. Wasslu lill-poplu tagħna sa dan il-pass li qegħdin jagħmlu llum.

Din il-laqgħa rriżultat f’dawn id-deċiżjonijiet:

1. Il-futur tas-Sirja huwa għall-popli Sirjani kollha. Dan se jintlaħaq bl-istabbiliment ta’ sistema demokratika federali b’sisien fil-parteċipazzjoni tal-kostitwenti kollha tas-soċjeta.

2. Li naħdmu sabiex nistabbilixxu sistema federali demokratika għal Rojava.

3. Il-kopresidenza tal-Kunsill Kostitwenti ġiet eletta u twaqqaf il-kumitat organizzattiv ta’ 31 membru.

4. Fi żmien sitt xhur, il-kumitat organizzattiv se jipprepara kuntratt soċjali u jiżviluppa kunċett politiku u legali wiesa’ għas-sistema.

5. Il-kumitati u d-dokumenti kollha li ħerġin mill-Kunsill jagħrfu d-dikjarazzjoni tad-drittijiet individwali u kollettivi tal-Ġnus Maqgħuda, tali għarfien jiżgura l-bini ta’ sistema soċjali demokratika. Il-parteċipanti f’din il-laqgħa jenfasizzaw ukoll l-importanza ta’ din ir-relazzjoni għas-Sirja u jaraw din is-sistema ġdida bħala parti minnha. Sadanittant, jagħrfu il-prinċipji tal-paċi u l-għaqda tal-popli kollha ta’ dan ir-reġjun u jippruvaw imexxu dal-proġett ‘il quddiem għat-tajjeb ta’ kulħadd.

6. Il-libertà tan-nisa hija pilastru tas-sistema federali. In-nisa għandhom id-dritt għall-parteċipazzjoni ugwali u risponsabbiltajiet sħaħ f’deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet femminili. In-nisa se jiġu rrappreżentati b’ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-ħajja, inklużi l-aspetti soċjali u politiċi kollha.

7. Il-poplu u l-komunitajiet li jgħixu fis-sistema federali f’Rojava jistgħu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, reliġjużi, kulturali, u demokratiċi ma’ min iridu, fuq livell reġjonali u internazzjonali, ġaladarba tali relazzjoni ma tinterferixxix mal-għanijiet u l-interessi tas-sistema federali demokratika Sirjana.

8. Ir-reġjuni kollha li l-forzi demokratiċi ħelsu minn organizzazzjonijiet terroristiċi għandhom id-dritt li jipparteċipaw fis-sistema federali demokratika ta’ Rojava.

9. L-għan tas-sistema demokratika federali ta’ Rojava fuq livell reġjonali huwa l-istabbiliment ta’ federazzjoni demokratika fl-Ilvant Nofsani kif ukoll l-iżvilupp ta’ prinċipji demokratiċi fl-oqsma kollha politiċi, ekonomiċi, u kulturali. Jekk nisbqu l-fruntieri nazzjonali tal-istati nistgħu ngħixu fil-paċi u s-sigurtà flimkien.

10. L-istabbiliment tas-sistema demokratika federali se jiggarantixxi l-unità tat-territorji Sirjani.

Lil kulħadd fis-Sirja, il-Kurdistan u Rojava, u lill-komunitajiet u l-klassijiet soċjali kollha:

Qegħdin ngħixu llum f’fażi storika li fihom is-Sirja ġiet ridotta għal kundizzjonijiet dgħajfa. Miljuni ta’ bnedmin ġew spostati, mijiet ta’ eluf inqatlu, u l-infrastruttura tas-Sirja ġarrbet ħsara enormi. Minkejja dan aħna konna xhieda f’dawn l-aħħar ftit snin għad-dehra ta’ impenn eċċezzjonali, protett bid-demm tal-martri li għenu biex jintlaħqu l-kisbiet u r-rebħiet ta’ dan il-perjodu. Hija opportunità kbira li nibnu sistema federali demokratika f’Rojava; aħna konvinti u kunfidenti li dan il-mudell se joffri soluzzjoni għall-kriżi Sirjana.

Abbażi tad-deċiżjonijiet li ħadna, insejħu l-ewwel lin-nisa, li jirrappreżentaw ħajja ġdida u libera, kif ukoll liż-żgħażagħ, il-ħaddiema, u l-komunitajiet kollha u oqsma soċjali oħra sabiex juru interess u jipparteċipaw u li jorganizzaw lilhom infushom skont dawn l-ideat. Ugwalment, insejħu lill-forzi umanitarji kollha demokratiċi u progressivi sabiex jappoġġjaw l-isforzi tagħna.

Iva għal determinazzjoni komuni, għall-ħajja komunali, u għall-għaqda bejn il-popli.

Il-Kunsill tal-Fundaturi tal-Unjoni Federali Demokratika ta’ Rojava/is-Sirja tat-Tramuntana.

Is-17 ta’ Marzu 2016

Comments are closed.